Għadd żgħir ta’ skejjel tal-Knisja f’Malta qegħdin jieħdu sehem fi proġett pilota li għandu l-għan li jippromwovi l-benessri ġenerali fl-iskejjel bis-saħħa ta’ drawwiet sani.
Tfal f’saħħithom:
- Imorru aħjar akkademikament
- Ikollhom inqas problemi ta’ mġiba
- Ikollhom attitudnijiet pożittivi
- Jiksbu esperjenza fl-ikel (litteriżmu alimentari)
- Aktarx li jfallu inqas skola minħabba li jimirdu inqas.
L-immaġni ta’ hawn taħt dwar “6 Modi għal Stil ta’ Ħajja San” jiġbor fil-qosor l-elementi ewlenin kollha li aħna, ta’ adulti responsabbli, għandna nżommu f’moħħna sabiex inżommu lil uliedna u lilna nfusna b’saħħitna.
Tfal f’saħħithom għandhom bżonn:
Teħid adegwat ta’ ilma kuljum. Tfal fl-età tal-iskola primarja għandhom bżonn jixorbu 1.3 l ta’ ilma naturali kuljum.
Ikel nutrittiv u bbilanċjat tajjeb. Importanti li t-tfal jingħataw ikel nutrittiv għall-iskola sabiex jiżviluppaw drawwiet sani tal-ikel tul ħajjithom. Ikliet ibbilanċjati tajjeb jgħinu biex jitjiebu l-konċentrazzjoni, il-livelli tal-enerġija u l-motivazzjoni, u jitnaqqas ir-riskju tad-dijabete u tal-obeżità.
Irqad adegwat. Tfal fl-età ta’ bejn is-sitt snin u t-13-il sena jeħtieġu minn disa’ sa 11-il siegħa rqad. Il-ħin quddiem it-televixin ftit qabel l-irqad ġie assoċjat ma’ reżistenza biex it-tfal imorru jorqdu, diffikultà biex jiġihom in-ngħas, ansjetà fl-irqad u sigħat inqas ta’ rqad.
Attività fiżika adegwata. Mill-inqas hija rrakkomandata siegħa attività kuljum. Mhux bilfors tkun lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika jew xi attività ekstrakurrikulari. Madankollu, importanti li żżomm lil uliedek attivi kemm jista’ jkun, ngħidu aħna, billi titlobhom jgħinuk fix-xogħol tad-dar, jew inkella permezz ta’ logħbiet divertenti fid-dar li huma aktarx fiżiċi milli sedentarji. B’dan il-mod jitnaqqas il-ħin li l-ulied iqattgħu jħarsu lejn skrin.
Dan il-proġett pilota jimmira li jsaħħaħ l-amministraturi u l-edukaturi fl-iskejjel biex irawmu bidla kulturali billi jinfluwenzaw il-politika fl-ambjent skolastiku f’dak li jirrigwarda d-drawwiet sani. Is-sistema Klikks għall-iskejjel u l-midja soċjali jistgħu jkunu pjattaforma biex jintlaħqu l-ġenituri. It-tfal iqattgħu nofs ħinhom l-iskola u n-nofs l-ieħor id-dar. L-edukazzjoni domestika fir-rigward tal-iżvilupp ta’ drawwiet tal-ikel sani tieħu prijorità. Għaldaqstant għandhom jiġu kkomunikati ideat qosra u prattiċi, kif ukoll tfakkiriet, lill-ġenituri dwar stil ta’ ħajja san. L-għalliema u l-ġenituri se jiġu offruti eżamijiet tas-saħħa fuq bażi volontarja billi jagħtu donazzjoni volontarja. Huwa importanti wkoll li l-adulti jkunu konxji sewwa tal-importanza li jkunu f’saħħithom.