Proġett Pilota

Dan il-proġett pilota jimmira li jsaħħaħ l-amministraturi u l-edukaturi fl-iskejjel biex irawmu bidla kulturali billi jinfluwenzaw il-politika fl-ambjent skolastiku f’dak li jirrigwarda d-drawwiet sani. Huwa biss bl-involviment u bl-appoġġ tal-għalliema li jistgħu jseħħu l-bidliet mixtieqa fl-ambjent skolastiku li jwasslu għal stil ta’ ħajja san għall-adulti u t-tfal fl-iskejjel.

Aħna nagħtu sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ sagħtejn il-waħda fl-ambjent skolastiku stess li matulhom infissru l-ambitu tal-proġett u nfasslu strateġija skont il-bżonnijiet tal-iskola partikolari u skont ir-reazzjonijiet tal-istaff. Il-progress jiġi diskuss mal-iskola fuq bażi regolari u dan isir b’tali mod li ma jqegħidx piż bla ħtieġa fuq l-amministraturi jew fuq l-għalliema.

Flimkien ma’ waħda mill-iskejjel iddisinjajna powster li se jkun espost fil-klassijiet kollha biex ifakkar fl-importanza li jinxtorob l-ilma matul il-jum anke fil-klassi.

It-taħriġ juri l-importanza tal-ambjent skolastiku fl-iżvilupp ta’ stil ta’ ħajja san peress li t-tfal iqattgħu nofs ħinhom l-iskola. Għalhekk, waqt li l-edukazzjoni domestika hija kruċjali biex it-tfal jiżviluppaw valuri u prinċipji u drawwiet ta’ stil ta’ ħajja san, l-ambjent skolastiku jeħtieġ li jagħti l-appoġġ tiegħu billi t-tfal qegħdin iqattgħu f’dan l-ambjent ammont konsiderevoli mill-ħin li jagħmlu mqajmin.

Waqt it-taħriġ niddiskutu l-aħħar riċerka/dejta xjentifika minn pubblikazzjonijiet internazzjonali u lokali dwar ix-xejriet tal-obeżità u dwar modi kif tista’ tiġi evitata, b’enfasi fuq l-urġenza billi nuru statistika lokali. Barra minn hekk, niddiskutu l-aspett psikoloġiku u l-importanza tal-imġiba pożittiva u tal-irqad adegwat, kif ukoll l-importanza li jinbena sens ta’ komunità u solidarjetà bejn l-amministraturi, l-għalliema, il-ġenituri u t-tfal fl-iskola, ilkoll bil-għan waħdieni li l-obeżità tiġi destigmatizzata.

Sabiex isseħħ din il-bidla fl-ambjent skolastiku, ikun ideali li bejn il-lezzjonijiet ikun hemm waqfiet strutturati biex it-tfal jixorbu l-ilma u jiċċaqalqu. Interessanti li wieħed jinnota li xi għalliema diġà qegħdin jinkoraġġixxu dawn il-prattiċi u jipprovduhom fil-klassijiet tagħhom, waqt li oħrajn le. Permezz ta’ dan it-taħriġ l-għalliema jiltaqgħu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-kollegi. Diskussjoni bħal din dwar qsim ta’ prattiċi tajbin tinkoraġġixxi oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Fi tmiem is-sessjoni l-għalliema jiġu offruti eżamijiet tas-saħħa fuq bażi volontarja billi jagħtu donazzjoni volontarja. Huwa importanti wkoll li l-adulti jkunu konxji sewwa tal-importanza li jkunu f’saħħithom.

Nisa b’qadd ta’ iktar minn 80 ċm u rġiel b’qadd ta’ iktar minn 94 ċm li mill-bqija huma f’saħħithom (mingħajr dijabete jew problemi tal-qalb) huma mħeġġa jikkuntattjawna u jibbukkjaw eżami tas-saħħa abbażi ta’ donazzjoni volontarja.